X’inhu Natura 2000?

Natura 2000 huwa network ta’ żoni protetti li jkopru l-ispeċijiet u l-abitati l-aktar prezzjużi u mhedda tal-Ewropa. Dan tnieda fl-1992 taħt id-Direttiva dwar l-Abitati, bil-għan fit-tul li jiġu protetti l-ispeċijiet u l-abitati l-aktar vulnerabbli u mhedda tal-Ewropa, inklużi s-siti terrestri u marittimi. Iż-żoni ta’ Natura 2000 jikkonsistu f’Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali (ŻPS) u f’Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni (ŻSK) b’enfasi fuq il-maniġjar ekoloġika u ekonomika sostenibbli. In-network Natura 2000 huwa meqjus bħala l-akbar grupp koerenti ta’ żoni protetti fid-dinja.

Bħalissa, fil-gżejjer Maltin, hemm 34 sit terrestri (b’xi siti huma miġburin flimkien f’wieħed) u 18-il sit marittimi li jiffurmaw parti min-network Natura 2000. Sal-lum, il-komponent terrestri tan-network tas-siti Natura 2000 fil-Gżejjer Maltin ikopri aktar minn 43.7 kilometri kwadri, madwar 13.8% tal-erja totali tal-art.

L-għadd ta’ speċijiet u abitati protetti f’kull sit ivarja skont il-post tas-sit, il-bijodiversità fir-reġjun, id-deżinjazzjoni li qed tintuża, u l-karatteristiċi li s-sit ikun qiegħed jinħoloq biex jipproteġi.

Flimkien mal-ERA (l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi), entitajiet u eNGOs rilevanti oħra, Ambjent Malta jikkoordina l-eżekuzzjoni tal-Pjanijiet ta’ Maniġjar għas-Siti Terrestri ta’ Natura 2000 fil-Gżejjer Maltin. Barra minn hekk, AM jimmaniġġja u jżomm direttament permezz ta’ Unitajiet speċjalizzati l-Imsaġar tal-Buskett u Kennedy Grove fis-Salini. Dan jinvolvi t-twettiq tal-Għan ta’ Maniġjar u l-Għan Operazzjonali identifikati fl-imsemmija Pjanijiet ta’ Maniġjar. Tali oġġettivi jvarjaw minn sit għall-ieħor u jistgħu jinkludu l-implimentazzjoni ta’ programmi għall-eradikazzjoni ta’ pjanti invażivi u/jew aljeni, l-għassa tas-siti, ir-restawr u/jew l-espansjoni tal-abitati elenkati fid-Direttiva dwar l-Abitati, miżuri għall-prevenzjoni tat-tgħaffiġ, l-installazzjoni ta’ sistemi ta’ sorveljanza, il-monitoraġġ tal-fawna, fost oħrajn. 

Ftehimiet ta’ Maniġjar

AM flimkien mal-MEER u l-ERA għandhom għadd ta’ ftehimiet ta’ maniġjar fis-seħħ ma’ eNGOs lokali għall-maniġjar ta’ diversi siti ta’ Natura 2000. Permezz ta’ dawn il-ftehimiet, l-eNGOs jingħataw finanzjament annwali biex jimplimentaw miżuri ta’ konservazzjoni f’konformità mal-Pjanijiet ta’ Maniġjar għas-Siti Terrestri ta’ Natura 2000 f’Malta u f’Għawdex. 

 

AM jipprovdi finanzjament għall-ftehimiet ta’ maniġjar li ġejjin:

  • Xrobb l-Għaġin
  • Għajn Tuffieħa
  • Ir-Ramla l-Ħamra
  • L-Għadira
  • Is-Simar
  • Il-Park tal-Majjistral
  • Is-Salini

 

Agħfas hawn biex tara mappa virtwali tas-siti terrestri Natura 2000 fil-Gżejjer Maltin:

https://storymaps.arcgis.com/stories/5f15070446a64488b56f2f734e6b09b4

The Department
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.