Il-Proġett Silva Green Pathways

Il-Proġett Silva Green Pathways għandu l-għan li jindirizza żewġ żoni afforestati li jinsabu fil-Mellieħa, jiġifieri l-Aħrax ta’ Ġewwa u żona oħra fil-Miżieb. Dawn is-siti jkopru żona totali ta’ aktar minn 5.5 ettari fin-naħa tat-Tramuntana ta’ Malta.

 

L-isforzi ta’ afforestazzjoni fis-snin 70 biddlu dawn iż-żoni f’boskijiet dominati prinċipalment minn żnuber Aleppo Pine (Pinus halepensis). L-Aħrax ta’ Ġewwa huwa sit ta’ importanza nazzjonali u skedat bħala Żona ta’ Valur Kbir tal-Pajsaġġ (AHLV) u Żona ta’ Importanza Ekoloġika (G.N. 400 tal-1996). Dawn is-siti jinsabu biswit  tliet siti Natura 2000 – L-Inħawi tar-Ramla tat-Torri u tal-Irdum tal-Madonna, is-Simar, u l-Wied tal-Miżieb. Iż-żewġ siti, l-Aħrax ta’ Ġewwa (2020) u l-Miżieb (2019) — sofrew diżastri ta’ nar ikkawżati mill-bniedem, li wasslu għat-telf t’abitat importanti u ta’ eluf ta’ siġar maturi fosthom żnuber Aleppo pine. Dawn in-nirien ikkontribwew b’mod sinifikanti  fiż-żieda tal-invażjoni ta’ Acacia spp., speċi li mhux indiġeni.

 

L-għanijiet tal-proġett huma li:

  • Jinħolqu buffers ekoloġiċi u kurituri li jgħaqqdu diversi siti ta’ Natura 2000;
  • Jiżdied il-potenzjal ta’ din iż-żona sabiex isservi bħala refuġju għal speċi migratorji permezz ta’ kopertura ta’siġar akbar u diversifikati;
  • Nillimitaw u nikkontrollaw l-invażjoni ta’ pjanti aljeni u invażivi li jagħmlu ħsara lill-bijodiversità nattiva,
  • Inaqqsu r-riskji tan-nirien permezz tat-tnaqqis ta’ materjal fjammabbli billi jitneħħew siġar mejtin u jiġu installati tabelli informattivi u signali ta’ twissija relatati mat-tifi tan-nar.
  • Intejbu l-karatteristiċi tal-ħamrija, b’mod partikolari billi tissaħħaħ u jiżdied il-kontenut ta’ materja organika  permezz tat-tixrid ta’ mulch fuq il-wiċċ;
  • Intejbu l-karatteristiċi viżwali tal-pajsaġġ permezz tar-restawr ta’ struttura vernakulari abbandunata;
  • Intejbu l-kapaċità tal-ħażna tal-karbonju f’din iż-żona li għandha kobor ta’ 5.5 ettari permezz ta’ żieda fil-kopertura ta’ siġar minn 8.5% għal 42%. Għaldaqstant, inkunu qed nikkontribwixxu għall-miżuri nazzjonali ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima ta’ Malta;
  • Jinħolqu spazji ħodor miftuħa għall-użu tal-pubbliku.. 

 Dawn l-għanijiet se jintlaħqu permezz tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet:

 

  1. Tqattigħ ta’ siġar mejta taż-żnuber u l-użu tagħhom bħala mulch biex tittejjeb iż-żamma tal-ilma fil-ħamrija u tiżdied il-materja organika.
  2. Jinħolqu miżuri biex jitrażżnu siġar invażivi u mhux indiġeni, speċifikamentl-Acacia spp.
  3. Installazzjoni ta’ sistemi ta’ irrigazzjoni effiċjenti billi jintuża ilma konness mal-infrastruttura eżistenti ta’ New Water.
  4. Tħawwil ta’ 1,897 siġra u arbuxxelli. Dawn se jitħawlu f’clusters imħallta, b’ħafna spazju bejniethom sabiex jservu bħala fire breaks. Speċi partikolari ta’ siġar u arbuxelli ġew magħżula sabiex jitħawlu bejn siġar diġà esistenti (l-iktar Pinus halepensis) bħal Quercus ilex, Quercus coccifera, Phillyrea latifolia, Rhamnus alaternus, Ceratonia siliqua u Pistacia lentiscus. Dawn huma kollha siġar li huma karatteristiċi ta’ bosk, li normalment jikbru bejn siġar taż-żebbuġ u tal-ħarrub f’dan l-abitat. Barra minn hekk, ħafna mill-ispeċi magħżula huma adattati f’każ ta’ nirien, dan l-għaliex għandhom ċertu karatteristiċi li jifilħu għal sħana qawwija u/jew għandhom rata baxxa ta’ fjammabbiltà.
  5. Tixrid ta’ seed bombs f’żoni fejn jinsab ix-xagħri biex b’hekk titkabbar id-diversità tal-pjanti. Dawn il-bombi jipproteġu ż-żerriegħa kontra n-nixfa u predazzjoni, partikolarment minn grieden, b’hekk iż-zerriegħa jkollha iktar ċans li tgħix f’ambjent niexef. Dawn il-bombi jgħinu wkoll fil-ġerminazzjoni taż-żerriegħa, peress li n-nutrijenti li jinsabu fis-seed bombs jgħinu lill-pjanta fil-bidu tat-tkabbir tagħha. Vantaġġ ieħor ta’ tħawwil permezz ta’ dawn is-seed bombs hu, li jistgħu jintużaw żrieragħ ta’ pjanti li huma kompatibbli ma’ xulxin (companion planting), jitpoġġew ġewwa dawn is-seed bombs u b’hekk jitħawwlu flimkien. L-ispeċi proposti jinkludu: Hypericum aegypticum, Cistus creticus, Cistus monspeliensis, Erica multiflora, u Euphorbia dendroides. Dawn huma tipikament speċi ta’ xagħri li jinsabu fil-baxx, jifilħu għan-nixfa u r-riħ u normalment ibatu jekk jitkabbru f’pots.. Dawn iż-żrieragħ jinġabru lokalment biex jiġi żgurat li ma jiġix introdott materjal ġenetiku barrani jew mard. Ta’ min wieħed jinnota li s-seed bombs u t-tħawwil jitwettqu bil‑kollaborazzjoni ta’ ESA – Earth Systems Association, Università ta’ Malta.
  6. Restawr ta’ għarix tal-ġebel imġarraf u bil-kileb vernakolari (girna)
  7. Installazzjoni ta’ markatur tan-nar u bords ta’ informazzjoni dwar in-nirien li jipprovdu informazzjoni utli lill-viżitaturi dwar kif jitnaqqsu r-riskji ta’ nirien fil-foresti u x’għandu jsir f’każ ta’ nirien.
  8. Installazzjoni ta’ hydrant tan-nar fil-Miżieb imqabbad mal-Infrastruttura ta’ New Water.
The Department
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.