IL-MISSJONI TAGHNA

Id-Dipartiment t’Ambjent Malta (AM), li ġie stabbilit fl-2018, huwa responsabbli għall-preservazzjoni u t-titjib tal-kapital naturali u tal-bijodiversità ta’ Malta fil-pajsaġġi rurali, urbani, kostali u tal-baħar. AM huwa responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ proġetti t’infrastruttura ekoloġika u miżuri ta’ restawr tal-abitati għaż-żamma u r-restawr ta’ żoni naturali u siti protetti, inklużi ż-żoni li jiffurmaw parti min-network Natura 2000.

Sa mill-bidu tiegħu, flimkien ma’ entitajiet pubbliċi oħra u organizzazzjonijiet mhux governattivi b’interess personali fil-kapital naturali ta’ Malta, AM implimenta bosta proġetti ambjentali fosthom l-installazzjoni ta’ ħitan ekoloġiċi f’żoni urbani, it-tneħħija ta’ pjanti invażivi u mhux indiġeni, it-tħawwil ta’ aktar minn 60,000 speċi indiġena madwar il-Gżejjer kollha, proġetti ta’ landscaping, u l-iżvilupp ta’ żoni protetti. 

AM qed jimplimenta wkoll skemi biex iżid il-kopertura tas-siġar ta’ Malta u jippromwovi s-sensibilizzazzjoni ambjentali, inkluża l-iskema ta’ sponsorizzazzjoni 34U u t-tħawwil ta’ siġra jew arbuxxell indiġenu għal kull twelid.

 

L-iskop u rwol ta’ Ambjent Malta:

  • Li jipproteġi u jsaħħaħ il-kapital naturali ta’ Malta;
  • Li jikkonserva u jtejjeb il-bijodiversità ta’ Malta;
  • Li jtejjeb il-funzjonament tal-ekosistemi u l-forniment ta’ servizzi vitali għall-benesseri tas-soċjetà;
  • Li jimplimenta l-pjanijiet, il-politiki u l-programmi tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA);
  • Li jimmaniġġja ż-żoni protetti, inklużi s-siti terrestri marini  ​ta’ Natura 2000;
  • Li jipprovdi faċilitajiet ta’ rikreazzjoni ekoloġika lill-pubbliku ġenerali;
  • Li jxerred l-għarfien ambjentali.

X’inhuma l-kapital naturali, il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema?

Kapital Naturali

L-assi naturali kollha li jiffurmaw il-Gżejjer Maltin inklużi l-elementi abijotiċi (mhux ħajjin) tagħha bħall-ġeoloġija, il-ħamrija, l-arja, l-ilma u bijotiċi (ħajjin) bħall-flora u l-fawna.

 

Bijodiversità

Id-diversità bijoloġika li tirreferi għall-varjetà t’affarijiet ħajjin fil-livelli kollha tagħha, inklużi l-ġeni u l-ekosistemi, li tinkludi l-proċessi evoluzzjonarji, ekoloġiċi u kulturali li jsostnu l-ħajja fid-Dinja.

 

Servizzi tal-Ekosistema

Is-servizzi tal-ekosistema huma kwalunkwe benefiċċju li l-organiżmi selvaġġi jew l-ekosistemi jipprovdu lill-bnedmin. Il-Valutazzjoni tal-Ekosistema tal-Millennju (2005) identifikat erba’ kategoriji ewlenin: servizzi ta’ proviżjonament; servizzi ta’ regolamentazzjoni; servizzi kulturali; u servizzi ta’ appoġġ.